F’messaġġ għal Jum il-Milied, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li dan il-Milied jixtieq iwassal mesaġġ – dak li se jkompli jibni tmexxija msejsa fuq valur wieħed: ir-rispett. Rispett lejn kulħadd, rispett fil-lingwa li nużaw, fid-dibattitu li nagħmlu u fid-deċiżjonijiet li nieħdu.
Hu għamel stedina biex nibnu kultura fejn, anke jekk ma naqblux, nibqgħu naħdmu flimkien. “Għax pajjiż żgħir bħal tagħna ma jiflaħx għall-firda, imma jeħtieġ għaqda u sens ta’ direzzjoni. Jiena nemmen li l-politika għandha tkun dwar soluzzjonijiet: servizzi li jaħdmu u kwalità ta’ ħajja tajba li tinħass. Imma aktar minn hekk irrid politika li terġa’ toħloq il-fiduċja, u l-fiduċja tibda meta kulħadd iħoss li għandu post madwar l-istess mejda.”
Il-Kap tal-PN qal li f’dawn l-ewwel xhur kemm ilui Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista tgħallem ħaġa waħda b’mod ċar: meta tisma’ lin-nies b’umiltà tirrealizza kemm aktar x’jgħaqqadna milli jifridna. U l-poplu Malti u Għawdxi għandu aspirazzjonijiet u xewqat li aktar jgħaqqduh milli jifirduh: ix-xewqat tal-għaqda, tal-ġid komuni, li nħallu pajjiż aħjar milli sibnieh, ix-xewqa ta’ nazzjon wieħed taħt il-bajda u l-ħamra. U f’dan l-ispirtu ta’ għaqda, fil-Milied, din x-xewqa hija aktar b’saħħitha.
Hu qal li għalih il-Milied mhux biss ċelebrazzjoni imma huwa wkoll mument ta’ riflessjoni fuq fejn għandna mmorru bħala pajjiż – il-valur tal-persuna, id-dinjità tal-familja u l-obbligu li għandna li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura. U bħalma wiegħed fid-diskors tal-ħatra tiegħu, jibqa’ jemmen li għandna nitkellmu mhux fuq “min rebaħ” jew “min tilef”, mhux fuq blu jew aħmar, imma fuq Malta waħda – dar waħda għalina wkoll.
Waqt li fakkar f’dawk li huma minsija, li huma Maltin u Għawdxin ukoll, Alex Borg qal li l-Milied ifakkarna li d-dawl sabiħ ma tarahx biss fit-triq, imma fil-ġesti żgħar ta’ għajnuna anke lil dawk li li jinsabu waħidhom. Hu stieden lil kulħadd biex iwassal dan id-dawl fid-djar, fil-komunitajiet u madwar dan il-pajjiż sabiħ tagħna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-awguri tiegħu għal Milied hieni mimli paċi u tama lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
24.12.2025